Ħadd il-Għid il-Kbir tal-Qawmien tal-Mulej mill-Imwiet - Solennità
L-Evanġelju fil-Quddiesa ta’ filgħaxija --- 'Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin'.
- THE GOSPEL ON THE SOLEMNITY OF EASTER SUNDAY in Evening Mass
- THE GOSPEL ON EASTER WEDNESDAY - L-Erbgħa tal-Ottava tal-Għid --- 'Għarfuh fil-qsim tal-ħobż'
- IN YEAR A - THE GOSPEL ON SUNDAY OF WEEK 3 OF EASTER --- They recognised him at the breaking of bread
Evanġelju
Lq 24, 13-35
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
[Lq:24:13] Dakinhar stess, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, ġara li tnejn mid-dixxipli kienu sejrin lejn raħal jismu Għemmaws, xi sittin stadju bogħod minn Ġerusalemm, [Lq:24:14] jitħaddtu bejniethom fuq kull ma kien ġara. [Lq:24:15] Huma u jitħaddtu u jitkixxfu bejniethom, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa' miexi magħhom. [Lq:24:16] Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh. [Lq:24:17] U hu qalilhom: "X'intom tgħidu bejnietkom intom u miexja?". U huma waqfu, b'ħarsa ta' niket fuq wiċċhom. [Lq:24:18] Imbagħad wieħed minnhom, jismu Kleofa, wieġeb u qallu: "Inti waħdek il-barrani f'Ġerusalemm li ma tafx x'ġara hemmhekk f'dawn il-jiem?".
[Lq:24:19] "X'ġara?", staqsiehom Ġesù. Qalulu: "Dak li ġara lil Ġesù ta' Nazaret, li kien profeta setgħan fl-għemil u fil-kliem quddiem Alla u quddiem il-poplu kollu, [Lq:24:20] kif il-qassisin il-kbar u l-kapijiet tagħna tawh f'idejn il-gvernatur biex ikun ikkundannat għall-mewt u sallbuh. [Lq:24:21] Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael; iżda issa, fuq kollox ġa għaddew tlitt ijiem minn dawn il-ġrajja! [Lq:24:22] Issa wkoll xi wħud min-nisa tagħna ħasduna, għax marru kmieni ħdejn il-qabar [Lq:24:23] u l-katavru tiegħu ma sabuhx; ġew jgħidu wkoll li dehrulhom xi anġli li qalulhom li hu ħaj. [Lq:24:24] Imbagħad marru ħdejn il-qabar xi wħud minn tagħna u sabu kollox kif kienu qalu n-nisa, imma lilu ma rawhx!".
[Lq:24:25] Qalilhom Ġesù: "Kemm intom boloh u tqal biex temmnu kull ma qalu l-profeti! [Lq:24:26] U ma kellux il-Messija jbati dan kollu u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?". [Lq:24:27] U beda minn Mosè u l-Profeti kollha jfissrilhom kull ma kien hemm fl-Iskrittura fuqu.
[Lq:24:28] Meta qorbu lejn ir-raħal fejn kienu sejrin hu għamel tabirruħu li hu kien se jibqa' sejjer aktar 'il bogħod. [Lq:24:29] Iżda huma ġegħluh jibqa' magħhom u qalulu: "Ibqa' magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm". Imbagħad daħal biex joqgħod magħhom. [Lq:24:30] U waqt li kien fuq il-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom. [Lq:24:31] Imbagħad infetħulhom għajnejhom u għarfuh, iżda hu għab minn quddiemhom. [Lq:24:32] U wieħed lill-ieħor bdew jgħidu: "Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?".
[Lq:24:33] Dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalemm. Hemm sabu lill-Ħdax u lil sħabhom miġbura flimkien, [Lq:24:34] u dawn qalulhom: "Il-Mulej qam tassew, u deher lil Xmun!". [Lq:24:35] U huma wkoll tarrfulhom x'kien ġralhom fit-triq, u kif kienu għarfuh fil-qsim tal-ħobż.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
.