NOVEMBER 2 - one of the alternative Gospels on ALL SOULS - The Commemoration of All the Faithful Departed
Evanġelju
Ġesù għajjat għajta kbira u radd ruħu.
Mark 15, 33-39, 16, 1-6

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

[Mk:15:33] Xħin saret is-sitt siegħa waqgħet dalma kbira fuq il-pajjiż kollu sad-disa' siegħa. [Mk:15:34] U fid-disa' siegħa Ġesù għajjat b'leħen qawwi: "Eloî, Eloî, lema sabaqtani!", li jfisser: "Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?" [Mk:15:35] Xi wħud minn dawk li kienu hemm, kif semgħuh, qalu: "Ara, qiegħed isejjaħ lil Elija!" [Mk:15:36] U mar wieħed jiġri jxappap sponża bl-inbid qares, waħħalha f'tarf ta' qasba u tah jixrob filwaqt li qal: "Stennew, ħa naraw jiġix Elija jniżżlu!" [Mk:15:37] Imma Ġesù għajjat għajta kbira u radd ruħu. [Mk:15:38] U l-purtiera tas-santwarju ċċarrtet fi tnejn minn fuq s'isfel. [Mk:15:39] Iċ-ċenturjun li kien wieqaf biswitu, meta rah jgħajjat u jmut hekk, qal: "Dan il-bniedem kien tassew Bin Alla!"

[Mk:16:1] Meta għadda s-Sibt, Marija ta' Magdala, Marija omm Ġakbu, u Salomi xtraw xi fwejjaħ biex imorru jidilkuh bihom. [Mk:16:2] U kmieni ħafna fl-ewwel jum tal-ġimgħa, kif telgħet ix-xemx marru ħdejn il-qabar. [Mk:16:3] U bdew jgħidu lil xulxin: "Min se jgerbilna l-ġebla mid-daħla tal-qabar?" [Mk:16:4] Iżda meta ħarsu, raw li l-ġebla kienet imressqa fil-ġenb; kienet ġebla kbira ħafna. [Mk:16:5] Daħlu fil-qabar, u raw żagħżugħ bilqiegħda n-naħa tal-lemin, liebes libsa bajda; u nħasdu. [Mk:16:6] Imma hu qalilhom: "Xejn la tinħasdu. Qegħdin tfittxu lil Ġesù ta' Nazaret li kien imsallab; qam mill-mewt, m'huwiex hawn. Araw il-post fejn kienu qegħduh.


Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu



.